Is-sejħa ta' Sidna Ġesù Kristu f'Mattew kapitlu 5 biex inkunu melħ tal-art u dawl tad-dinja għadha fis-seħħ, u daqskemm kienet tgħodd għall-ewwel dixxipli tiegħu għadha tgħodd għalina d-dixxipli llum.
L-awtur ifakkarna fiha u jħeġġiġna biex nilqgħuha u nwieġbu għaliha b'impenn. Bil-ħsieb li jilħaq l-għan tiegħu jeżortana sabiex ma nagħmlux kompromessi mal-verità, naħsbu bħalma kien jaħseb Ġesù, kif ukoll nikkoltivaw attitudni li tirrifletti l-Mulej.
Aħna nafu li l-Mulej ma ġiex mimli bil-verità biss, lanqas ma ġie mimli bil-grazzja biss. Iżda Ġesù ġie mimli bil-grazzja u l-verità (Ġw.1:14). Ġesù żamm bilanċ perfett tagħhom it-tnejn, u mexa fit-tnejn li huma id f'id. Huwa qatt ma ġab kompromess, xandar il-verità mingħajr tidwir, ipprietka l-messaġġ tas-salib u tal-indiema b'ċarezza u kuraġġ, kixef il-ħażen, waqaf għall-inġustizzja, espona d-dnub u ċanfar l-ipokrezija. Imma fl-istess ħin (bħalma għamlu l-ewwel segwaċi tiegħu) kellu qalb mimlija ħlewwa u kompassjoni. Kien iħobb lin-nies u jservi n-nies, u qalbu kienet f'sottomissjoni totali għar-rieda t'Alla. Hu kien jiltaqa' man-nies fejn kienu biex jipprovda jtellahom il-fuq. X'ragħaj dak! Din hija stampa tal-grazzja u l-verità joperaw id f'id.Ġesù b'dan il-mod biddel id-dinja, u dan il-ktieb huwa għodda tajba ħafna biex jurina kif nagħmlu dan billi nimxu fuq il-passi tiegħu: li filwaqt li nxandru l-verità tas-salib b'sinsla ta' l-azzar, qatt ma nġibu kompromess mal-messaġġ li Alla vdalna, u nieqfu għas-sistema ħażina u korrotta tad-dinja bil-kuraġġ, fl-istess ħin inħobbu lin-nies, inkunu hemm għalihom, inservuhom, nilħqu bżonnijiethom, u anke nisimgħu l-istorja tagħhom mingħajr qatt ma nġibu kompromessi mal-verità u mat-testimonjanza tagħna. Il-verità weħidha ġġib kundanna; il-grazzja weħidha ġġib kompromess; iżda l-verità flimkien mal-grazzja tillibera u tittrasforma. U jekk irridu nagħmlu mpatt fis-soċjetà rridu noperaw fihom it-tnejn id f'id. Dan huwa l-mod ta' Ġesù, dan huwa l-mod ta' kif inkunu vera melħ tal-art u dawl tad-dinja. U dan il-ktieb se jurina kemm huwa importanti li nagħmlu dan, kif ukoll se jkun ta' gwida biblika ta' kif inkunu melħ mielaħ għall-art u dawl qawwi għad-dinja billi fil-ħajja Kristjana tagħna nżommu viċin ta' xulxin kemm il-grazzja kif ukoll il-verità.
Melħ tal-Art u Dawl tad-Dinja
Keith Caruana twieled tal-Pieta fl-1983. Kien maqbud f'ħajja pjuttost imqallba u mħawda, iżda Ġesù kellu pjanijiet oħra għalih. Wara li ġie preżentat lilu l-Kristjaneżmu ddeċieda li jipprova dik il-ħajja, u l-Mulej ittrasformalu ħajtu billi ħarġu mid-dlam għad-dawl. Fost oqsma oħra, Alla sejjaħlu biex iservi fit-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa permezz tal-kitba u l-ippritkar. L-għaxqa tiegħu hija wkoll li jaqra u jistudja l-Bibbja, kif ukoll materjal relatat magħha.